INTRODUZZJONI

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali (MHAL) jieħu suġġett tas-salvagwardja b’mod serju ħafna. Il-Ministeru huwa impenjat li jara li kull tifel u tifla jgawdu minn ambjent protettiv u sigur li fih jiġu rispettati d-drittijiet u s-sigurtà tagħhom. Din hija r-raġuni għaliex il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali żviluppa u integra l-ogħla rekwiżiti skont standards internazzjonali u l-aħjar prattiċi attwali bbażati fuq il-valuri, id-drittijiet u l-qafas tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet tat-Tfal.

Bħalma nagħmlu ħilitna biex niżguraw il-ħarsien tat-tfal fil-proġetti tagħna, huwa daqstant ieħor importanti li nippromwovu l-għarfien dwar id-drittijiet u l-protezzjoni tagħhom fi ħdan il-Ministeru. Għalhekk, bħala impjegat, konsulent, mentor, voluntier, apprentist jew rappreżentant tal-Ministeru, għandna r-responsabbiltà li nżommu lit-tfal li niltaqgħu magħhom imħarsa mill-ħsara u li nirrapportaw u nirrispondu b’mod effettiv għal kull ħsara jew abbuż meta dan iseħħ.

Dan id-dokument għandu l-għan li jservi ta’ gwida għal kif attivitajiet ta’ kuljum bis-sehem tat-tfal jiġu esegwiti b’partikolari lill-ħarsien tagħhom tul il-perjodu kollu.

Li wieħed jaħdem fil-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali jfisser li jimpenja ruħu favur il-valuri u l-prinċipji tal-Ministeru biex jiġu mħarsa, rispettati u assigurati d-drittijiet tat-tfal minn kull individwu fi ħdan il-Ministeru.


POLITIKA
L-impenn tagħna – il-valuri u l-prinċipji tagħna

L-abbuż fuq it-tfal huwa realtà globali. Għalhekk ġiet imfassla din il-Politika dwar il-ħarsien tat-tfal biex tiżgura li kull min hu involut mal-MHAL, jew f’ismu, ikun impenjat favur il-ħarsien tat-tfal u d-drittijiet tagħhom.

Il-ħarsien tat-tfal u ż-żgħażagħ huwa dak li kull organizzazzjoni li taħdem mat-tfal jew għalihom trid tpoġġi fil-qalba ta’ dak kollu li jagħmlu. Organizzazzjonijiet bħal dawn iridu jiżguraw li l-istaff, l-operazzjonijiet, u l-programmi tagħhom ma jġibux ħsara lit-tfal – filwaqt li jiżguraw li l-ebda tifel jew tifla ma jkunu esposti għal abbuż, u li kwalunkwe tħassib dwar is-sigurtà tat-tfal jiġi rrappurtat lill-awtoritajiet rispettivi.

Il-Politika dwar il-ħarsien tat-tfal tinkludi miżuri preventivi biex jiġu evitati inċidenti li jistgħu jagħmlu ħsara lit-tfal, u azzjonijiet reattivi biex jiġi żgurat li l-inċidenti kollha jiġu ttrattati b’mod xieraq, professjonali u f’waqtu.


Għan ta’ din il-Politika

L-għan ta’ din il-politika u proċeduri huwa li nirregolaw kif naħdmu bħala Ministeru biex it-tfal li niġu f’kuntatt magħhom (direttament jew indirettament) jiġu mħarsa.


Definizzjoni ta’ħarsien

“Il-ħarsien tat-tfal hija r-responsabbiltà li l-organizzazzjonijiet iridu jaċċertaw li l-istaff, l-operazzjonijiet u l-programmi tagħhom ma jġibux ħsara lit-tfal, jiġifieri, ma jesponux lit-tfal għar-riskju ta’ ħsara u abbuż, u li kwalunkwe tħassib li l-organizzazzjoni jkollha dwar is-sigurtà tat-tfal fi ħdan il-komunitajiet li jaħdmu fihom, jiġi rrappurtat lill-awtoritajiet rispettivi”. (Keeping Children Safe Coalition – www.keepingchildrensafe.org.uk)

Il-Ħarsien jimplika dmir usa u iktar fil-fond ta’ kura lejn it-tfal, iktar milli sempliċiment id-dritt ta’ protezzjoni kif definit fil-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal, 1989.

Rappurtaġġ mandatorju huwa obbligu legali. Hemm konsegwenzi serji li jinkludu pieni ta’ ħabs għal persuni li jdumu ma jirrapportaw u/jew jiddeċiedu li ma jirreferu ebda tip ta’ abbuż.

Il-Prinċipji tagħna:

1. It-tfal kollha għandhom DRITTIJIET UGWALI għall-protezzjoni

2. L-azzjonijiet kollha rigward il-ħarsien tat-tfal IRIDU jittieħdu fl-aħjar interess tat-tfal.

3. KULĦADD għandu responsabbiltà li jħares. Din il-politika hija obbligatorja għal dawk kollha li jaħdmu għal jew f’isem il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.

4. Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali se jilħaq il-miri tiegħu fil-ħarsien tat-tfal billi:
– Joħloq Kuxjenza – nassiguraw li l-ħaddiema kollha, u oħrajn, ikunu konxji u infurmati dwar il-problema tal-abbuż tat-tfal u r-riskji għat-tfal.
– Jirrapporta – nassiguraw li jkun ċar għall-ħaddiema kollha, u oħrajn, dwar x’passi għandhom jittieħdu fejn jinqala’ t-tħassib.
– Jipprevjeni– nassiguraw li jitnaqqsu r-riskji għat-tfal billi nissensibilizzaw, inħarrġu u noffru prattiċi tajbin lill-istaff u persuni oħra.
– Nirrispondu – nassiguraw li tittieħed azzjoni li tappoġġja u tħares lit-tfal kull fejn jinqala’ xi tħassib.


Biex jintlaħqu l-istandards tal-impenn, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali se jiżgura li:

1. Tifel jew Tifla huwa kull min għandu inqas minn 18-il sena, skont id-definizzjoni fil-UNCRC.

2. It-tfal kollha, irrispettivament mill-ġeneru, twemmin, razza, kultura, ħila, u s-sesswalità tagħhom, għandhom l-istess drittijiet.

3. Id-drittijiet kollha tat-tfal għandhom jieħu mħarsa.

4. Il-fehmiet u l-opinjonijiet tat-tfal għandhom jittieħdu bis-serjetà.

5. It-tfal għandhom jiġu mħarsa minn kull ħsara jew tip ta’ abbuż. Kulħadd għandu r-responsabbiltà li jipproteġi lit-tfal.

6. L-abbuż tat-tfal jinkludi kull forma ta’ abbuż fiżiku, sesswali, emozzjonali jew onlajn, kif ukoll negliġenza.

7. Kull azzjoni għandha tittieħed dejjem fl-aħjar interess tat-tfal.

8. It-tfal għandhom ikunu jafu dwar id-drittijiet tagħhom biex jifhmu x’inhu abbuż u jirrapportawh.

9. Id-data personali tat-tfal ma tistax tiġi żvelata lil partijiet terzi sakemm l-informazzjoni ma tkunx meħtieġa biex tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom (skont ir-rappurtar obbligatorju).


Riżorsi Umani

Din it-taqsima tistabbilixxi l-obbligi u r-responsabbiltajiet speċifiċi għall-adulti kollha li jaħdmu ma’/ għall-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.


1. Huwa IMPORTANTI għall-ħaddiema kollha, u persuni oħra, li jiġu f’kuntatt mat-tfal, li:

1.1 Ikunu konxji mid-drittijiet tat-tfal u l-problema tal-abbuż tat-tfal.

1.2 Ikunu ċari dwar il-proċess ta’ rappurtar u proċeduri fil-każ ta’ abbuż jew,

1.3 Jipprevjenu abbuż u ħsara billi jkunu konxji u jaddottaw prattiċi tajbin.

1.4 Jaġixxu b’mod professjonali u f’waqtu.

1.5 Jieħdu kwalunkwe tħassib b’mod serju u jiżguraw il-protezzjoni tal-vittmi.

1.6 Jippjanaw u jorganizzaw ix-xogħol u l-post tax-xogħol biex inaqqsu l-lok għal riskji.


2. Huwa importanti għall-MHAL li:

2.1 Jiġi żgurat li l-ħarsien tat-tfal ikun suġġett mifrux mal-Ministeru kollu.

2.2 Tiġi stabbilita struttura effettiva ta’ rappurtar.

2.3 Nagħtu s-saħħa lit-tfal billi niddiskutu magħhom id-drittijiet tagħhom, x’inhu aċċettabbli u inaċċettabbli u x’jistgħu jagħmlu jekk ikun hemm problema.

2.4 Il-proġetti kollha li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-MHAL ikunu mfassla fl-aħjar interess tat-tfal biex jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ ħsara u abbuż.

2.5 Naħdmu mill-qrib mal-partijiet interessati kollha, inklużi ġenituri u kustodji, biex niżguraw il-ħarsien tat-tfal.

2.6 Inċidenti li jiġu rrappurtati jkunu segwiti.

2.7 Jiġi żgurat li din il-Politika tkun obbligatorja għal kull min jaħdem mal-/għall-MHAL, inklużi l-ħaddiema, il-voluntiera, l-imsieħba, l-apprentisti, il-ħaddiema tas-sajf, il-voluntiera okkażjonali u l-viżitaturi.

2.8 Filwaqt li ser jiġi pprovdut taħriġ dwar din il-Politika, rigward ir-responsabbiltajiet u d-dmirijiet ta’ kura (b’mod partikolari għal irwoli speċifiċi), l-adulti kollha għandhom ir-responsabbiltà li jfittxu aktar kjarifika u pariri fejn u meta ma jkunux ċari minn dak li huwa mistenni minnhom.

2.9 Kull min jaħdem mal-/għall-Ministeru jrid ikun konxju ta’ kwalunkwe sitwazzjoni li tista’ tkun ta’ ħsara għat-tfal, u kif dawn is-sitwazzjonijiet għandhom jiġu ġestiti.

2.10 Hija responsabbiltà tal-ħaddiema li t-tfal jiġu mħarsa mill-ħsara, li jirrappurtaw u li tittieħed azzjoni meta jseħħ xi forma ta’ abbuż.

2.11 Jiġi żgurat li jeżisti sens ta’ akkontabbiltà bejn il-ħaddiema, biex prattiċi ħżiena jew imġiba potenzjalment abbużiva ma jiġux injorati.


3. Il-Ħaddiema, u persuni oħrajn, MA GĦANDHOM QATT:

3.1 Iqattgħu ħin eċċessiv waħedom mat-tfal ’il bogħod minn ħaddieħor. Mill-inqas żewġ adulti għandhom ikunu flimkien meta jkunu qed jagħmlu sessjonijiet jew attivitajiet mat-tfal. 3.2 Jolqtu, jattakkaw fiżikament, jew jabbużaw fiżikament mit-tfal. 3.3 Iġibu ruħhom b’mod li jistgħu jiġu interpretati li għandhom prattiċi ħżiena, jew imġiba abbużiva bħal; użu ta’ lingwa abbużiva, offensiva jew mhux xierqa; iġibu ruħhom b’mod mhux xieraq; iħallu lit-tfal mingħajr superviżjoni; iġibu lit-tfal f’sitwazzjoni ta’ għajb jew mistħija, jumiljaw jew jiddiskriminaw bejn it-tfal. 3.4 Jagħtu d-dettalji ta’ kuntatt personali tagħhom lit-tfal (a) jieħdu lit-tfal id-dar tagħhom, speċjalment f’ċirkustanzi fejn se jkunu waħedhom. (b) jużaw lingwaġġ, jagħmlu suġġerimenti jew joffru pariri li mhumiex xierqa, li huma offensivi jew abbużivi. (c) iġibu ruħhom fiżikament b’mod li ma jkunx xieraq jew sesswalment provokattiv. (d) iżommu f’darhom għal-lejl, mingħajr superviżjoni, tfal li jkunu qegħdin jaħdmu magħhom. (e) jorqdu fl-istess kamra jew sodda ta’ tfal li jkunu qed jaħdmu magħhom.
  1. Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali JRID jevita azzjonijiet jew imġiba li jistgħu jiġu interpretati bħala prattika fqira jew potenzjalment abbużiva billi jiżgura:
4.1 Il-professjonisti, il-partijiet interessati u l-ġurnalisti jridu jkunu konxji ta’ din il-politika u jaderixxu magħha waqt li jaħdmu mal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali jew f’ismu. 4.2 Il-ħaddiema kollha tal-Ministeru jridu jkunu konxji tal-politika ta’ ħarsien tat-tfal, u jifhmu r-responsabbiltajiet tagħhom. 4.3 Kopja tal-politika ta’ ħarsien tat-tfal trid tiġi spjegata u pprovduta lill-impjegati kollha meta jiġu ngaġġati, u ffirmata minnhom. PROĊEDURI
  1. Edukazzjoni, taħriġ, pariri, appoġġ u għarfien
5.1 Dawk li jaħdmu direttament mat-tfal għandu jkollhom taħriġ speċjalizzat addizzjonali dwar il-benesseri, il-ħarsien u s-sigurtà tat-tfal. 5.2 Għandhom jinżammu rekords tal-laqgħat kollha ta’ taħriġ u ta’ formazzjoni li jkunu saru, bid-data u l-lista tal-parteċipanti. 5.3 Fejn tintalab għajnuna jew parir dwar il-ħarsien tat-tfal, dan għandu jittieħed b’mod serju. It-talba għall-għajnuna m’għandha qatt tiġi interpretata bħala indikattiv ta’ xi ħadd nieqes mill-ħila jew mill-għarfien. 5.4 Għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali dwar kif tista’ titqajjem kuxjenza dwar din il-Politika fost it-tfal u l-modi li bihom jistgħu jżommu lilhom infushom aktar sikuri. 5.5 Il-ħaddiema u l-istakeholders kollha li jaħdmu ma’/għall-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali għandhom ikunu mgħarrfa biċ-Child Safeguarding Policy u kif wieħed għandu jirrapporta xi każ li jqajjem tħassib. 5.6 Jeħtieġ li tingħata għajnuna lit-tfal, lill-ħaddiema u lil persuni oħra li b’xi mod ikunu involuti u affettwati minn kwalunkwe każ ta’ ħsara u abbuż.
  1. Punt Fokali għall-Ħarsien tat-Tfal
6.1 Għandhom jinħatru koordinatur għall-ħarsien tat-tfal u assistent tiegħu. Dawn għandhom iservu ta’ punt ta’ riferiment, jagħtu pariri, jgħinu u jassistu fl-implimentazzjoni tal-Politika dwar il-ħarsien tat-tfal. 6.2 Dan ir-rwol għandu jiġi assenjat lil impjegat li jkollu għarfien tajjeb dwar il-ħarsien tat-tfal. 6.3 Dmirijiet speċifiċi jinkludu: (a) li jaġixxi bħala l-punt ewlieni ta’ kuntatt fi ħdan il-Ministeru għall-ħarsien tat-tfal. (b) li jiżgura li l-ħaddiema u l-imsieħba jkunu konxji tal-Politika dwar il-ħarsien tat-tfal u r-responsabbiltajiet li joħorġu minnha, billi jipprovdi taħriġ u gwida. (c) li jagħti pariri u jgħin lill-ħaddiema u lill-imsieħba fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ ħarsien tat-tfal, fosthom billi jagħmel ukoll l-evalwazzjonijiet tar-riskju. (d) li jiżgura li l-politika tal-ħarsien tat-tfal u l-impenn tal-Ministeri favur id-drittijiet tat-tfal isiru magħrufa minn kulħadd. (e) li jaġixxi bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt meta jinqala tħassib dwar inċidenti ta’ ħarsien tat-tfal u li jtella’ dak it-tħassib tiegħu mas-superjuri tiegħu. (f) li jsegwi l-inċidenti sakemm jingħalqu l-każijiet kollha. (g) li jżomm rekord preċiż ta’ kwalunkwe inċident. Wieħed irid jinnota li l-Kordinatur għall-Ħarsien tat-Tfal mhux l-unika persuna responsabbli. Ir-responsabbiltà taqa’ fuq l-impjegati kollha.   F’każ ta’ emerġenza fejn il-membri tas-Safeguarding Team huma ’l bogħod u ma jistgħux jassistu, il-punt ta’ referenza huwa dejjem il-koordinatur tal-ħarsien tat-tfal jew l-assistent tiegħu.
  1. Organizzazzjoni ta’ attivitajiet u avvenimenti (fiżiċi)
7.1 L-attivitajiet u l-avvenimenti li qed jiġu organizzati jeħtieġ li jkunu sikuri għat-tfal. Bħala parti miċ-ċiklu tal-proġett (Valutazzjoni tas-Sitwazzjoni, Disinn tal-Programm, Monitoraġġ u Evalwazzjoni), għandha ssir Valutazzjoni tar-Riskju tal-Proġett. 7.2 Il-kordinatur tal-ħarsien tat-tfal jew l-assistent tiegħu għandu jkun infurmat u preżenti. 7.3 Jeħtieġ li t-tfal ikunu konxji ta’ min hu l-Uffiċċjal għall-Ħarsien tagħhom. Jeħtieġ li ssir laqgħa qasira biex jiġu spjegati r-regoli bażiċi u l-linjigwida qabel il-bidu tal-avveniment. (a) jeħtieġ li jimtlew u jinġabru formoli tal-kunsens għal kull tifel/tifla parteċipanti. (b) tfal li ma jixtiequx ikomplu jipparteċipaw fi kwalunkwe ħin waqt l-attività/avveniment jistgħu jagħmlu dan mingħajr ebda konsegwenza. 7.4 It-tfal għandhom jingħataw il-pakkett ta’ informazzjoni dwar attività u/jew avveniment b’lingwa adattata għalihom. 7.5 Għandu jintalab il-kunsens kemm minn: (a) il-kustodju/I legali u (b) tfal.
  1. Organizzazzjoni ta’ attivitajiet u avvenimenti onlajn
8.1 L-attivitajiet u l-avvenimenti organizzati għandhom ikunu sikuri għat-tfal. L-attivitajiet organizzati online għandhom jitwettqu BISS fuq pjattaformi tal-midja soċjali li huma SIKURI għat-tfal. Għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha ta’ sigurtà għal kull laqgħa/proġett/attività. 8.2 Jeħtieġ li l-koordinatur għall-ħarsien tat-tfal jew l-assistent tiegħu jkun infurmat u preżenti. 8.3 Jeħtieġ li t-tfal ikunu konxji ta’ min hu l-Uffiċċjal għall-Ħarsien tagħhom (a) il-linjigwida tal-ħarsien tat-tfal għandhom jiġu ċċarati qabel il-bidu tal-avveniment (b) jeħtieġ li jimtlew u jinġabru formoli tal-kunsens għal kull tifel/tifla parteċipanti. (c) tfal li ma jixtiequx ikomplu jipparteċipaw fi kwalunkwe ħin waqt l-attività/avveniment jistgħu jagħmlu dan mingħajr ebda konsegwenza. 8.4 Il-membri tat-tim tal-ħarsien tat-tfal għandhom jiżguraw li tingħata biżżejjed għajnuna lill-ħaddiema, u persuni oħra, dwar l-użu xieraq tat-teknoloġija, inkluż l-internet, mobiles, u medja soċjali. 8.5 Għandhom jiġu installati filtri u software li jimblokkaw biex jiġi żgurat li siti mhux adattati/offensivi ma jkunux jistgħu jitniżżlu jew jiġu aċċessati. 8.6 Fil-każ li jasal materjal offensiv jew messaġġi/chats mhux mitluba, dawn għandhom jiġu mgħoddija lill-Uffiċjal għall-Ħarsien tat-Tfal, jew l-assistent tiegħu, li għandu jirrapporta lill-aġenzija lokali li taħdem biex ittejjeb is-sigurtà tal-internet. 8.7 Fil-każ li l-materjal offensiv jasal jew jitniżżel aċċidentalment u jsir rapport lill-awtorità lokali tal-infurzar tal-liġi, il-materjal m’għandux jintbagħat mar-referenza. Għandha tintalab gwida mill-awtoritajiet lokali tal-infurzar tal-liġi dwar kif għandhom isiru l-arranġamenti biex l-istampi u l-materjal viżiv jiġu trasferiti b’mod xieraq. 8.8 Filwaqt li l-privatezza tal-istaff għandha tiġi rispettata, din mhix garantita. Jekk ikun hemm suspett li l-apparat tat-teknoloġija tal-informatika ġie wżat biex, pereżempju, ikun hemm aċċess għall-pornografija tat-tfal online, il-Ministeru jirriserva d-dritt li jkollu aċċess għall-files privati fuq it-tagħmir teknoloġiku li ntuża.
  1. Żjarat / ħarġiet mat-tfal jew ma’ gruppi organizzati oħra
9.1 L-attività li qed tiġi organizzata trid tkun sigura għat-tfal u adattata għall-età. 9.2 Għandu jiġi ċċarat li l-adult inkarigat mill-grupp jeħtieġ li jkun preżenti waqt l-attività u huwa responsabbli għat-tfal. 9.3 Jeħtieġ li jinġabru formoli ta’ kunsens għal kull tifel/tifla parteċipanti. 9.4 Tfal li ma jixtiequx ikomplu jipparteċipaw fi kwalunkwe ħin waqt l-attività/avveniment jistgħu jagħmlu dan, mingħajr ebda konsegwenza.
  1. 10. Vjaġġar mat-tfal
10.1 Tfal taħt l-14-il sena jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn kustodju legali kif ukoll impjegat tal-MHAL meta jsiefru. Il-Gwardjan legali huwa responsabbli għat-tifel/tifla tiegħu matul il-vjaġġ kollu. 10.2 Tfal ta’ ’l fuq minn 14-il sena jistgħu jivvjaġġaw ma’ impjegat tal-MHAL li jservi bħala l-adult li jakkumpanjahom. 10.3 Jeħtieġ li jimtlew il-formoli u jinkisbu l-kunsens u l-firem mit-tfal u l-kustodju legali. 10.4 Huwa pprojbit li l-impjegat/adult jaqsam kamra jew sodda mat-tifel/tifla. 10.5 L-impjegat li jivvjaġġa mat-tfal ta’ ’l fuq minn 14-il sena għandu jistabbilixxi regoli bażiċi magħhom qabel ma jibda l-vjaġġ. Dawn ir-regoli bażiċi għandhom jiġu kkomunikati lill-kustodju/i legali għall-approvazzjoni tagħhom. Jekk dawn ir-regoli bażiċi ma jiġux obduti, it-tfal jistgħu ma jerġgħu jitħallew jivjaġġaw f’isem l-MHAL fil-futur.
  1. Komunikazzjoni u Midja
L-10 Regoli etiċi rigward l-użu ta’ ritratti u filmati wżati mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. 11.1 Irrispetta l-Politika dwar il-Ħarsien tat-Tfal u l-proċeduri tagħha. 11.2 Żgura li s-sigurtà tat-tfal hija PRIJORITÀ. Din ma tista’ tiġi kompromessa fl-ebda mument bil-pubblikazzjoni ta’ xi ritratti tad-dar ta’ xi ħadd jew tal-ambjent komunitarju. 11.3 Meta tifel/tifla jkunu qed jagħmlu xi rapport/vidjo/ritratt, jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn impjegat tal-MHAL. 11.4 Għandu jiġi aċċertat li t-tfal huma INFURMATI dwar il-laqgħa/proġett/attività u li l-kunsens bil-miktub jingħata kemm mill-kustodju kif ukoll mit-tfal infushom. 11.5 Id-dinjità tat-tfal għandha tiġi rispettata dejjem. 11.6 Il-ġbid ta’ ritratti jew vidjos huwa riservat strettament għal użu professjonali. 11.7 Membru mit-tim tal-Ħarsien tat-Tfal għandu jispjega lill-ġurnalisti u ħaddiema oħra tax-xandir li jeħtieġ jirrispettaw u jaderixxu ruħhom mal-politika tal-Ħarsien tat-Tfal tal-Ministeru. 11.8 Il-privatezza tat-tfal għandha tiġi aċċertata dejjem. 11.9 It-tfal jistgħu jiddeċiedu li ma jipparteċipawx fi kwalunkwe ħin, mingħajr ebda konsegwenza. 11.10 Għandhom jintużaw biss ritratti disponibbli għall-użu pubbliku. Ir-ritratti għandhom jiġu vvalidati minn membru tat-tim tal-Ħarsien tat-Tfal u l-persuna inkarigata mill-komunikazzjoni viżiva fi ħdan il-Ministeru.
  1. Proċedura u mekkaniżmu ta’ rappurtar
Rappurtar 12.1 Il-ħaddiema kollha, u persuni oħrajn, għandhom id-dmir li jirrappurtaw tħassib li jista’ jkollhom, sew jekk inhuma rapporti speċifiċi u sew jekk inhuma każijiet ta’ tħassib mhux ikkonfermat, dwar abbuż tat-tfal, sfruttament sesswali, u kwalunkwe tħassib ieħor dwar il-ħarsien tat-tfal, permezz tal-proċedura stabbilita ta’ rappurtar. 12.2 Meta xi preokkupazzjoni dwar il-ħarsien tat-tfal, /is-salvagwardja tat-tfal tinġieb għall-attenzjoni, wieħed għandu JIEĦU AZZJONI dwarha. Jekk hemm dubju, wieħed għandu jitkellem. Wieħed għandu jżomm f’moħħu li kull azzjoni għandha tkun: (a) Iċċentrata fuq it-tfal. Il-ħarsien tat-tfal hija l-aktar konsiderazzjoni importanti. (b) Iż-żmien jgħodd. Għal materji ta’ ħarsien tat-tfal, għandhom jiġu aċċertati reazzjonijiet li huma f’waqthom, effettivi, kunfidenzjali, u propizji. (c) Meħuda bis-serjetà, b’mod professjonali u f’waqtha. (d) Wieħed għandu jirrekordja l-inċident bil-kliem preċiż li jużaw it-tfal, U MHUX skont l-interpretazzjoni tal-adult li jkun jisma’ l-każ. (e) L-informazzjoni għandha tiġi mgħoddija BISS jew lill-punt fokali tal-ħarsien tat-tfal, jew lid-delegati tiegħu, u/jew l-awtoritajiet involuti. Kulħadd għandu JAĊĊERTA l-kunfidenzjalità u jirrispetta d-dinjità u s-sigurtà tat-tfal.   Proċedura u Mekkaniżmu – xenarji differenti Ħsara lilek innifsek jew lil ħaddieħor 12.3     AĠIXXI, INFORMA U ASSIGURA li l-punt fokali tal-ħarsien tat-tfal jaf jekk it-tifel/tifla żvelawx xi ħaġa jew osservawx imġiba li tinkludi: (a)        Ħsara lilhom infushom (ħsara fiżika, ħsibijiet ta’ suwiċidju, użu ta’ sustanzi illegali, oħrajn) (b)        Ħsara minn oħrajn (kwalunkwe tip ta’ abbuż: fiżiku, negliġenza, sesswali, vjolenti, qsim jew traffikar ta’ sustanzi illegali, ibbulljar, ibbulljar online, oħrajn) (c)        Ħsara lil oħrajn (kwalunkwe tip ta’ abbuż: fiżiku, negliġenza, sesswali, vjolenti, qsim jew traffikar ta’ sustanzi illegali, ibbulljar, ibbulljar online, oħrajn) 12.4 Kun ċert li t-tifel/tifla huma siguri. 12.5 Kun ċert li t-tifel/tifla MA JITĦALLEWX waħedhom. Inti toqgħod mat-tifel/tifla sakemm il-kollega tiegħek isejjaħ lill-Uffiċċjal tal-Ħarsien tat-Tfal. Jekk ikun hemm periklu imminenti ċempel: 112 (24/7) tal-Korp tal-Pulizija ta ’Malta 179 (Aġenzija tal-Appoġġ 24/7 Żvelar ta ’abbuż espliċitu li jseħħ fl-iskola 12.6 Il-persuna li tirċievi żvelar mingħand it-tfal, tirreferi l-każ lill-Punt Fokali għall-Ħarsien tat-Tfal jew xi ħadd iddelegat. 12.7 F’xi każijiet, il-Punt Fokali għall-Ħarsien tat-Tfal jista’ jikkonsulta mas-supervisor tiegħu u jiddeċiedi li jagħmel rapport lill-Pulizija, b’kopja liċ-Child Safety Services Malta. Il-formola ta’ riferiment trid timtela fl-istess jum tal-iżvelar. (a) Child Safety Services (CSS) Service Manager, Education Psycho-Social Services, Triq Fra Gaetano Pace Forno, Il-     Ħamrun HMR 1100 2598 3497 / 2598 3400 studentservices.mede@gov.mt https://eduservices.gov.mt/en/education-psycho-social-services/child-safety-              services-css (b) Tfal Neqsin Ċempel 116000 biss f’każ ta’ tfal neqsin (Korp tal-Pulizija ta ’Malta)   Żvelar ta’ abbuż espliċitu li jseħħ ’il bogħod mill-attività 12.8 Il-persuna li tirċievi l-iżvelar mingħand it-tifel/tifla, tirreferi l-każ lill-Punt Fokali għall-Ħarsien tat-Tfal tal-MHAL, jew lid-delegat tiegħu. 12.9 F’xi każijiet, il-Punt Fokali għall-Ħarsien tat-Tfal jista’ jikkonsulta mas-supervisor fl-MHAL u jiddeċiedi li jippreżenta rapport lis-Servizzi tal-Ħarsien tat-tfal – Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali. (a) Child Protection Services (CPS) 179 https://fsws.gov.mt/en/Pages/FSWS%20Forms/report-abuse-child-abuse.aspx
  1. 13. Ir-rappurtar ta’ Tħassib
It-tħassib u r-rapporti jistgħu jaslu minn diversi sorsi kif enfasizzat qabel. It-tħassib kollu għandu jittieħed bis-serjetà u għandu jiġi mgħoddi l-ewwel nett lill-Punt Fokali għall-Ħarsien tat-Tfal tal-MHAL. Fejn jitqajjem tħassib mill-ħaddiema u l-voluntiera dwar ħaddiema oħra, il-voluntiera u msieħba oħra, jekk ma jkunx hemm intenzjoni malizzjuża, għandhom jiġu diretti lejn is-supervisor tal-ħarsien tal-MHAL.
  1. Monitoraġġ u Reviżjoni
Il-kordinatur tal-Ħarsien tat-Tfal, jew l-assistent tiegħu,  għandu r-responsabbiltà ġenerali għall-Politika għall-Ħarsien tat-Tfal fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Kull sena, it-tim għandu jwettaq awtovalutazzjoni tal-Politika tal-ħarsien tat-tfal u l-implimentazzjoni tagħha. Dan jgħin biex tinżamm il-prattika tajba u jiġu identifikati, indirizzati, u aġġornati kwalunkwe lakuni. Din il-Politika se tiġi riveduta fuq bażi regolari, iżda mhux aktar minn kull 3 snin. Ir-reviżjonijiet se jinkludu feedback minn ħaddiema, voluntiera, tfal u l-familji tagħhom u oħrajn. L-aħħar rieżami: Mejju 2023 Reviżjoni li jmiss: April 2027 Referenzi:
FacebookTwitter